Quddiesa mill-Provinjċal il-ġdid u l-għażla tad-Definitorju Provinċjali
Wara jum ta' waqfa, ir-raba' jum tal-Kapitlu Provinċjali beda b’konċelebrazzjoni Ewkaristika mmexxija mill-Provinċjal il-ġdid P. Colin Sammut. Huwa kkummenta l-Vanġelu skont San Luqa (6, 39-42) u saħaq fuq il-ħniena; ħniena li għandha tkun murija bejnietna l-patrijiet u ħniena msawwba fuq il-poplu t’Alla afdat f’idejna. Hu tenna li eluf ta’ nies jiġu l-knisja propju biex ifittxu l-ħniena. Aħna ġejna msejħa biex inkunu ministri ta' dan il-ħniena, biss bi grazzja tiegħu. Nistgħu nkunu ministri ta' din il-ħniena jekk aħna nfusna għamilna esperjenza tal-ħniena infinita tal-Missier, l-istess kif San Pawl setgħa jwassal il-ħniena għax għamel esperjenza tal-ħniena tal-Mulej, kif jikteb fl-ewwel Ittra lil Timotju (1 Tim 1, 12-14)
Huwa saħaq ukoll fuq it-taħriġ li dwaru jitkellem il-Vanġelu: “Id-dixxiplu m’huwiex aqwa mill-imgħallem tiegħu; imma kull min itemm it-taħriġ tiegħu jsir bħall-imgħallem tiegħu”. (Lq 6, 39). P. Colin semma li din hija x-xewqa ta' kull Patri li jsir bħall-Imgħallem tiegħu, għax fih biss jinsab il-ferħ ġenwin.
Wara l-patrijiet iltaqgħu fis-sala Kapitulari sabiex il-Provinċjal jipproponi d-Definituri u l-membri tal-Kapitlu japprovawhom, f'dan il-30 Kapitlu Ordinarju tal-Provinċja Maltija. Ix-xogħol tad-definituri huwa dak li jgħinu lill-Provinċjal fit-tmexxija tal-Provinċja.
Il-membri tad-Definitorju ġew approvati hekk kif proposti mill-Provinċjal. Dawn huma:
Fra Paul Darmanin – Vigarju Provinċjali, Fra Christian Borg - Segretarju Provinċjali, Fra Elija Vella, Fra Alfred Calleja u Fra Joseph Xerri.
Bħala ekonomu provinċjali ġie magħżul Fra David Borg u bħala eżattur provinċjali Fra Christian Borg.
Il-Ġeneral sellem lill-patrijiet u awguralna bil-kliem: "Sempre sempre avanti".
Wara dan kien imiss li l-patrijiet jinġabru fil-Knisja għat-talb tal-Ora Media u l-ġurament tal-ħatra ta' P. Paul Darmanin bħala Vigarju Provinċjali.
Jekk is-Sinjur Alla jrid nerġgħu niltaqgħu fis-7 ta' Ottubru għat-tieni parti tal-Kapitlu Proviċjali.